STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA

Reference Number: PR221578, Press Release Issue Date: Nov 16, 2022
 
Imħabbra emendi fil-Kodiċi Kriminali li jassiguraw il-ħarsien tal-kura tas-saħħa

Fil-jiem li ġejjin, il-gvern se jippreżenta fil-Parlament l-ewwel qari ta' abbozz ta' liġi li se jassigura li t-tobba ikunu legalment koperti sabiex jagħmlu dak li hu meħtieġ biex dejjem tkun imħarsa saħħet l-omm waqt it-tqala.

Permezz tal-introduzzjoni ta' Artikolu ġdid 243B, se tkun iċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib kuranti u tal-omm f'ċirkostanzi fejn it-tqala twassal sabiex l-omm tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista' tqegħdilha ħajjitha f'riskju jew saħħitha f'periklu gravi. Dan billi se tiddaħħal eċċezzjoni fil-liġi li tiċċara li meta l-professjonisti mediċi jaqblu li tqala għandha tkun itterminata permezz ta' intervent mediku, bil-għan li tkun protetta s-saħħa ta' mara tqila, din it-terminazzjoni ma titqies bħala reat taħt l-artikoli 241(2) jew 243 tal-istess kodiċi kriminali.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li l-ħtieġa li din il-prassi, li diġà kienet qed titħaddem fl-Isptar Mater Dei, tingħata l-protezzjoni tal-liġi tqanqlet mit-tobba stess. Għaldaqstant, wara diskussjoni mat-tobba li jaħdmu f'dan il-qasam, il-gvern fassal din l-emenda sabiex ma jkun hemm l-ebda xkiel fl-għoti tal-kura neċessarja lill-omm. Huwa sostna li l-għan tal-liġi u tal-etika medika hi li jkunu salvati l-ħajjiet, u għalhekk din il-liġi se tassigura proprju dan.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, filwaqt li ta sfond storiku legali, saħaq li dawn l-emendi se jipprovdu kjarifika dwar il-parametri fil-Kodiċi Kriminali li għandhom japplikaw għal ċirkostanzi ta' neċessità, fejn ikun meħtieġ intervent mediku biex tkun protetta l-ħajja u s-saħħa ta' mara tqila, li tkun qiegħda tbati minn kumplikazzjoni medika.

Il-Ministru Attard qal li l-inklużjoni ta' artikolu ġdid fil-Kodiċi Kriminali tagħna huwa intiż li jassigura li l-pazjent, f'dan il-każ l-omm, tingħata l-aħjar trattament meħtieġ mingħand il-professjonisti mediċi, bis-sostenn kollu tal-liġi. Dan b'tali mod li nneħħu kull forma ta' dubbju li b'xi mod jew ieħor jista' jnaffar jew ixekkel is-serenità professjonali ta' professjonist mediku.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet li din hija riforma oħra b'saħħitha li ser tkun qiegħdha tgħin lil pajjiżna jimxi aktar 'l quddiem. “Dan hu gvern li għal darb'oħra qed juri kif dejjem lest jindirizza realtajiet fis-soċjetà u jaġixxi fejn hemm bżonn. Dawn l-emendi ser jagħtu serħan il-moħħ lill-professjonisti mediċi kif ukoll lil kull omm prospettiva biex nassiguraw li jingħata servizz tas-saħħa tal-ogħla livell."