STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: Malta tiċċelebra l-Pride March wara nuqqas ta’ sentejn
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: Malta tiċċelebra l-Pride March wara nuqqas ta’ sentejn

Reference Number: PR221159, Press Release Issue Date: Sep 10, 2022
 
Malta reġgħet iċċelebrat il-Pride March ġewwa l-Belt Valletta wara nuqqas ta' sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Bosta nies li jagħmlu parti mill-komunità LGBTIQ+ attendew dan l-avveniment biex flimkien jiċċelebraw is-suċċess li rnexxielha tikseb Malta filwaqt li jfakkru l-ġlieda kontinwa kontra ideoloġiji konservattivi.

Il-ġimgħa ta' Pride tiġi ċċelebrata biex il-komunità LGBTIQ+ jkollha l-opportunità tingħaqad flimkien, u filwaqt li tkun f'forma ta' ċelebrazzjoni, din il-ġimgħa sservi ta' għodda soċjali u anke politika biex jitkomplew jissaħħu d-drittijiet ċivili.

Għal dan l-avveniment, fil-messaġġ tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet li għalkemm Malta tinsab fil-quċċata tad-drittijiet ċivili, meta kkumparata mal-bqija tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea, xorta waħda trid tibqa' issir ħidma biex dak li Malta rnexxielha tikseb ma jintilifx minħabba politika konservattiva li qiegħda taħkem lid-dinja.

“Il-parteċipazzjoni fil-Pride March ta' din is-sena jwassal messaġġ importanti ħafna. Bħala pajjiż kburin bl-avvanzi kbar li għamilna fl-aħħar snin iżda fl-istess ħin kommessi li mhux biss nikkonsolidaw dak li ksibna, imma li nsaħħu u nintroduċu aktar drittijiet ċivili. L-ugwaljanza mhijiex tolleranza. Mhux kwistjoni li sempliċiment naċċettaw li persuna hija differenti minna. Irridu nħaddnu t-twemmin ta' komunità ugwali – bla preġudizzju, bla diskriminazzjoni, bla mibegħda. Dan iwassal għar-rispett reċiproku, li nħallu lil kulħadd jagħmel l-għażliet liberi għal ħajtu u niċċelebraw familji ġodda", tenniet is-segretarju parlamentari.

Is-sena d-dieħla Malta ser tkun qiegħda tospita l-EUROPRIDE. Dan huwa tragward ieħor importanti għal pajjiżna, mhux biss għax avvenimenti bħal dawn jattiraw numru kbir ta' parteċipanti inkluż turisti, iżda għax minkejja l-qafas legali b'saħħtu ta' pajjiżna f'dan il-qasam, għad hemm ħafna xogħol xi jsir biex jingħelbu l-preġudizzji u d-diskriminazzjoni li għadhom jaffaċċjaw membri tal-komunità LGBTIQ+. Għalhekk is-sinifikat ta' Pride jibqa' rilevanti u attwali.​​