Ippubblikati l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta tal-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia dwar x'kienet ir-responsabbiltà ta' kull entità kkonċernata b'rabta mal-qtil ta' Bernice Cassar
“Ir-rakkomandazzjonijiet li jsaħħu s-sistemi attwali fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika bdew jitwettqu u se jkomplu jkunu sostnuti" – il-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ħabbru l-konklużjonijiet, rakkomandazzjonijiet u l-punti saljenti li joħorġu mill-Inkjesta tal-Imħallef Irtirat Geoffrey Valencia dwar x'kienet ir-responsabbiltà ta' kull awtorità kkonċernata b'rabta mal-qtil ta' Bernice Cassar, fit-22 ta' Novembru 2022. L-inkjesta kellha tistabbilixxi jekk kienx hemm xi nuqqas minn xi entità u għamlet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha.
Il-konklużjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet flimkien mal-parir tal-Imħallef Valencia fir-rigward tal-ippubblikar huma mehmuża ma' din l-istqarrija.
Il-Ministri daħlu fuq kull rakomandazzjoni li saret mill-Imħallef Emeritu Valencia billi spjegaw x'sar u x'qiegħed isir biex ikunu ndirizzati l-konkluzzjonijiet li wasal għalihom l-Imħallef Emeritu, ewlenin fosthom iż-żieda fil-work load u n-nuqqas ta' rizorsi.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qal li ż-żieda addizzjonali riċenti ta' 2 maġistrati se tippermetti li l-Qorti titrippla l-ammont ta' seduti li jitrattaw kawzi ta' Vjolenza Domestika, b'tali mod li l-kawzi jkunu appuntati fi żmien aktar raġjonevoli. Dan se jsir billi hemm Maġistrat iffukata totalament fuq Vjolenza Domestika u Maġistrat ieħor li tisma' kazijiet u anke kumpilazzjonijiet fejn l-akkuza tkun marbuta ma' vjolenza domestika.
Il-Ministru għall-Ġustizzja tenna li dan kollu kien ikkumplimentat minn investiment u xogħol infrastrutturali, li tinkludi fost l-oħrajn il-ħolqien ta' Awla oħra disponibbli għall-ġudikatura fil-bini tal-Qorti tal-Familja.
L-Imħallef irrakomanda li għandu jkun hemm ukoll taħriġ fis-settur. Minn dan il-att, il-Ministru ta' rendikont tat-taħrieġ provdut matul is-sena li għaddiet u lt-taħriġ skedat għal din is-sena, huwa qal ukoll li dan it-taħriġ se jiġi estiż għal professjonisti oħrajn involuta fil-proċess, bħal m'huma l-Avukati tat-tfal.
Rakomandazzjoni valida oħra li saret mill-Imħallef Emeritu Valencia, kienet dik dwar id-definizzjoni legali ta' vjolenza domestika, b'mod partikolari x'jikostitwixxi family u domestic unit. Dan fid-dawl tal-fatt li llum il-liġi tkopri wkoll sitwazzjonijiet li mhux neċessarjament jitqiesu bħala domestic violence, bħal tilwim bejn inkwilini li ma jkunu f'relazzjoni imma sempliċiment qed jaqsmu kirja.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq kif se jkun hemm konsultazzjoni mal-istakeholders direttament involuti fis-settur biex ikun asssigurat li l-emendi jwasslu biex dawn it-tip ta' rapporti ikunu distinti minn rapporti li jaqgħu verament taħt dak li hu vjolenza domestika.
L-Imħallef għamel osservazzjoni ukoll fuq il-ħtieġa ta' aktar koordinazzjoni bejn il-Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti tal-Familja, bil-Ministru Attard jgħid li qed tkun evalwata riforma ntiża biex il-Qorti tal-Familja ma tibqax sezzjoni fi ħdan il-Qorti Ċivili, imma ssir Qorti speċjalizzata li fost l-oħrajn tippermetti li Ġudikant jitratta u jkollu konjizzjoni tal-aspetti Ċivili u dawk ta' Vjolenza Domestika f'kuntest ta' tilwim familjari.
Wara li fl-2020 twaqqaf il-il-Gender-Based & Domestic Violence Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, fuq parir ta' esperti fis-settur u anke l-GREVIO, ir-riżors uman żdied għal 44 uffiċjal u dan ir-riżors jeħtieġ li jikber għal 60 uffiċjal. Il-Ministru Camilleri qal li l-pass li jmiss huwa li dan il-unit ma jibqax iċċentralizzat fid-Depot tal-Pulizija, iżda beda x-xogħol biex l-għassa ta' Santa Luċija tkun ikkonvertita fl-ewwel hub għall-vittmi ta' vjolenza domestika, liema hubs se jkollhom il-presenza ta' social workers.
Ġie identifikat post ieħor fl-Imisda biex iservi bħala t-tieni hub ta' din ix-xorta. L-għan huwa li l-vittmi jkunu assistiti ġewwa l-hubs, 'il bogħod mill-aggressuri li se jibqgħu jiġu interogati fid-depot tal-Pulizija.
L-inkjesta tisħaq għal multi-agency approach. Għaldaqstant, ġie deċiż li jibda jitħaddem il-MARAM (Multi-Agency Risk Assessment and Management Framework), liema koordinazzjoni ser issir mill-Aġenzija Appoġġ. Dan il-qafas għandu l-iskop li jassisti l-vittmu b'riskju għoli li jaffaċjaw inċidenti u dan permezz ta' kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet. Bl-istess ħsieb ta' multi-agency approach għandhom ikunu mistħarrġa r-rakkomandazzjonijiet dwar sistema ta' triage u t-tip ta' risk assessment magħmul mis-social workers.
Fil-korp tal-Pulizija se jkunu kkomunikati SOP's (Standard Operating Procedures) bi gwida lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija dwar first response u verifiċi dwar Temporary Protection Orders u Protection Orders.
Dwar il-proposta ta' moniteraġġ elettroniku, il-Ministru Camilleri fakkar li quddiem il-Parlament diġà hemm abbozz ta' liġi li jipprovdi l-qafas legali għall-użu tal-moniteraġġ elettroniku. Fuq dan il-punt, Dr Camilleri ħabbar li ħatar lil Professur Joe Canataci sabiex jipprepara qafas u emendi sabiex jiġu intavolati fi stadju ta' Kumitat tal-abbozzi fejn vittma jew possibilment vittma tkun tista' titlob minn jedda illi tkun tagged, sabiex tassigura li tkun infurmata jekk persuna oħra li tkun tagged b'ordni tal-Qorti, tersaq viċin tagħha.
Fl-aħħar ġimgħat quddiem il-Parlament ġie mressaq abbozz ta' liġi li jintroduċi servizz ta' domestic violence prevention system fil-Victim Support Agency. Permezz ta' dan is-servizz, persuni f'riskju potenzjali, ikollhom dritt għall-informazzjoni jekk persuni li magħhom ikollhom relazzjoni kinux instabu ħatja ta' vjolenza domestika.
L-inkjesta tisħaq għall-edukazzjoni kontinwa kontra l-vjolenza domestika. Għal dan l-għan ġie allokat fond ta' miljun ewro fuq sentejn minn fondi tal-Aġenzija LESA sabiex jintużaw għal edukazzjoni u kampanji ta' għarfien, inkluż bi sħab ma' entitajiet u għaqdiet oħrajn.