F'konferenza tal-aħbarijiet, ingħataw dettalji dwar ir-riżultati li ħarġu mill-proġett “All Equal", li kien immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS). L-għan prinċipali ta' dan il-proġett, li kien ffinanzjat minn fondi Ewropej, kien li jassisti lil kull ċittadin ta' pajjiż terz li jispiċċa vittma ta' traffikar uman u li nqabdu f'pajjiżna.
Permezz ta' dan il-proġett, dawk il-persuni li ġew fil-bżonn ta' dan is-servizz setgħu jiġu assistiti biex fost l-oħrajn jiġu offruti appoġġ biex jegħlbu t-trawmi marbuta mat-traffikar uman u jiġu megħjuna biex jimxu lejn l-indipendenza u l-integrazzjoni. Ġiet offruta wkoll akkomodazzjoni sigura lill-vittmi kollha li kienu jeħtieġu protezzjoni u għajnuna biex joħorġu mis-sitwazzjoni ta' sfruttament.
Ġie spjegat li dan il-proġett beda jopera fis-sena 2020 u b'kollox kienu identifikati 10 vittmi rġiel u nisa, li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 u l-50 sena, u li bdew jgħixu f'dik magħrufa bħala “safe house". Kif ukoll, permezz ta' valutazzjoni tar-riskju nstab illi kien hemm 29 persuna li potenzjalment kienu vittmi ta' traffikar uman, illi ngħataw appoġġ u għajnuna soċjo-legali. Traffikar marbut max-xogħol kien l-aktar problematiku fejn kienu rreġistrati 19-il każ, filwaqt li kien hemm 7 każijiet marbuta ma' esplojtazzjoni sesswali.
Permezz ta' dan il-proġett ukoll, ingħata aktar għarfien dwar it-traffikar tal-persuni, fejn ġew organizzati għadd ta' sessjonijiet ta' taħriġ lill-front liners biex jifhmu aktar dan il-fenomenu u jgħinuhom jagħrfu s-sinjali marbuta mal-istess fenomenu. Saru wkoll għadd ta' sessjonijiet mal-migranti biex mhux biss ifittxu appoġġ meta jkun meħtieġ, iżda wkoll biex ikunu lesti li jitkellmu dwar kwalunkwe sfruttament li jiffaċċjaw matul il-vjaġġ tagħhom.
Il-proġett ġabar flimkien partijiet ikkonċernati differenti li jaħdmu fil-qasam tat-traffikar tal-persuni u l-migrazzjoni biex jiddiskutu l-kollaborazzjoni u juru front magħqud meta jittrattaw kwistjonijiet relatati mat-traffikar uman.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar l-assistenza kontinwa li tagħti l-FSWS lil vittmi ta' traffikar uman, anke permezz tad-diversi residenzi li jilqgħu propju persuni bħal dawn għal żmien indefinit, sakemm jingħataw l-għajnuna neċessarja marbuta mas-saħħa tal-individwi.
“Se nibqgħu nkunu hemm għal dawn il-persuni, speċjalment jekk ikunu akkumpanjati minn minuri. Kull persuna hija importanti, u nkunu fallejna bħala soċjetà jekk nonqsu jew nagħlqu għajnejna għal realtajiet soċjali kiefra," stqarr il-Ministru Falzon.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li dan il-proġett sar b'investiment ta' madwar €332,000 mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 2014–2020. “L-għan tal-proġett huwa li jipprovdi servizzi professjonali u appoġġ liċ-ċittadini ta' Pajjiżi Terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Eżempju ieħor konkret ta' kif il-fondi Ewropej qegħdin jagħmlu differenza f'ħajjet in-nies u joffru għajnuna lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin," stqarr is-segretarju parlamentari.
Fid-diskors tagħha, s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg enfasizzat it-theddida globali tat-traffikar tal-bnedmin, li ddeskrivietu bħala reat li mhux biss jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem iżda wkoll jisraq it-tgawdija tal-ħajja lil eluf ta' nies minn madwar id-dinja kollha.
“Filwaqt li tnedew diversi kampanji edukattivi mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jiġu identifikati l-vittmi tat-traffikar, inħoloq kumitat inter-ministerjali magħmul minn rappreżentanti ta' ministeri differenti biex tiżdied il-koordinazzjoni li twassal biex jiġu identifikati dawk il-persuni li huma vittmi ta' dan ir-reat, għaliex t-traffikar tal-bniedem ma jafx limiti, u mhux marbut ma qasam jew settur wieħed," qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.