STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Pass ieħor importanti lejn ugwaljanza sħiħa fis-soċjetà tagħna
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Pass ieħor importanti lejn ugwaljanza sħiħa fis-soċjetà tagħna

Reference Number: PR230035, Press Release Issue Date: Jan 12, 2023
 
F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ħabbret li fil-jiem li ġejjin, il-gvern se jressaq emenda legali biex tissaħħaħ il-liġi dwar l-affermazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru.

L-għan ewlieni ta' din l-emenda hu li tara li l-liġi li daħlet fl-2016 tissaħħaħ biex bħala pajjiż inkomplu naffermaw li tkun differenti mhix xi marda. Għaldaqstant, l-emenda tinkludi d-definizzjoni ta' reklamar fejn tagħmel illegali li jsir reklamar biex tħajjar persuni jirċievu servizzi qarrieqa bl-iskop li jippruvaw ibiddlu l-orjentazzjoni sesswali tal-individwu.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-gvern, permezz ta' din l-emenda, qed jibgħat messaġġ ċar u b'saħħtu li qatt mhu se tkun aċċettata attitudni li ġġiegħel lil persuni LGBTIQ iħossu li għandhom xi ħaġa inqas minn ħaddieħor.

“Hu ta' periklu kbir li għad hawn min jippersisti fil-promozzjoni tat-terapija ta' konverżjoni b'pretensjoni foloz minkejja studji li juru bil-kontra. Il-gvern dan qed ikompli jirrikonoxxih u b'hekk se nkunu qed indaħħlu emenda li ser tkompli ssaħħaħ il-liġijiet ta' pajjiżna biex nipproteġu kull individwu. Għalkemm f'pajjiżna dawk li jipprovaw jagħmlu din il-ħsara huma ftit, però għandna bżonn din il-liġi bħala affermazzjoni li prattiċi ta' konverżjoni mhux biss mhumiex aċċettati soċjalment, iżda r-reklamar tagħhom huwa wkoll illegali f'għajnejn il-liġi", qalet is-segretarju parlamentari. 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmet ukoll is-Sinjura Gabriella Calleja, il-Kap tat-Taqsima tal-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC) fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, li qalet li l-liġi li daħlet fl-2016 għenet biex tistabbilixxi kemm fil-politika tal-gvern kif ukoll f'kull sfera tal-ħajja li kull orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru għandhom jingħataw l-istess valur u l-ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi ma tikkostitwixxi diżordni, marda, defiċjenza, diżabilità jew nuqqas ieħor. Hija kkonkludiet li l-emenda li qed iħabbru llum qed tkompli ssaħħaħ l-effettività ta' din il-liġi.​​