Il-Ministru Byron Camilleri ltaqa' mal-Ministru tal-Intern Libjan Emad Trabelsi. Huma ddiskutew il-kontinwazzjoni tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fejn għandha x'taqsam is-sigurtà.
Iż-żewġ naħat tkellmu fuq metodi kif tista' ssir ħidma bejn l-awtoritajiet tas-sigurtà taż-żewġ pajjiżi sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità internazzjonali, inklużi t-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, il-kriminalità elettronika u l-kuntrabandu. Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar l-immigrazzjoni irregolari u l-ħidma tal-awtoritajiet Libjani fuq l-art u fuq il-baħar sabiex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin. Malta tenniet l-impenn tagħha li tibqa' tappoġġa lill-awtoritajiet Libjani fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom sabiex jiġġieldu dan ir-reat u jonqos ir-riskju ta' telf ta' ħajjiet fiċ-ċentru tal-Mediterran.
Ġie inawgurat ukoll iċ-ċentru ta' koordinazzjoni bejn Malta u l-Libja f'Tajoura mill-Ministru Camilleri u mill-Under Secretary fil-Ministeru tal-Intern Mahmoud Saeed. Dan iċ-ċentru qed jopera fil-parametri tal-ftehim ta' koordinazzjoni bejn iż-żewġ stati.
Il-Ministru Camilleri żar ukoll l-akkademja tal-pulizija f'Tajoura fejn segwa mill-qrib il-faċilitajiet tat-taħriġ tal-korpi dixxiplinati Libjani u preparazzjonijiet loġistiċi li qed isiru mill-forzi tal-ordni b'rabta mal-organizzazzjoni tal-elezzjoni fil-Libja.