STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Jissoktaw l-impenji tad-delegazzjoni Maltija fl-oqsma tas-sigurtà fil-Libja
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Jissoktaw l-impenji tad-delegazzjoni Maltija fl-oqsma tas-sigurtà fil-Libja

Reference Number: PR230088, Press Release Issue Date: Jan 19, 2023
 
Il-qofol taż-żjara tad-delegazzjoni Maltija fl-oqsma tas-sigurtà fil-Libja ntlaħaq f’laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Abdul Hamid al-Dbeibeh u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri. Matul din il-laqgħa kien diskuss il-progress li qed isir fil-ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom ir-rabtiet bl-ajru, is-sigurtà, u l-opportunitajiet ta’ taħriġ għall-forzi tal-ordni Libjani. 

Il-laqgħa mal-prim ministru Libjan segwiet taħditiet oħra bejn il-Ministru Byron Camilleri u l-Ġeneral Mohammed Al-Haddaf, il-Kmandant tal-Forzi Armati Libjani, flimkien mal-kapijiet tat-taqsimiet militari li jaqgħu taħtu. Iż-żewġ naħat tkellmu dwar kif Malta tista’ tkompli tagħti kontribut fit-tisħiħ tar-riżorsi umani tal-Forzi Armati Libjani permezz ta’ taħriġ f’Malta u fil-Libja. Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fiċ-ċentru tal-Mediterran, partikolarment l-immigrazzjoni rregolari.

Il-Ministru Byron Camilleri fakkar fl-irwol importanti tal-Libja sabiex jitħarsu l-fruntieri, kemm tal-art u kif ukoll dawk marittimi. Huwa qal li r-riżultati li nkisbu fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Libjani. 

“Is-sigurtà fil-Libja għandha impatt dirett fuq ir-reġjun taċ-Ċentru tal-Mediterran u l-pajjiżi ġirien. Il-ħidma mal-Libja hija kruċjali sabiex jitħarsu l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Libjani,” qal il-Ministru Camilleri. 

Il-Ministru Camilleri innota l-progress li sar mill-awtoritajiet Libjani fil-qasam tas-sigurtà u awgura li l-Unjoni Ewropea u l-Libja jaħdmu aktar flimkien sabiex ikompli jissaħħaħ dan il-progress.​