STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Il-LESA tkompli b’proġetti tanġibbli fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Il-LESA tkompli b’proġetti tanġibbli fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin

Reference Number: PR230092, Press Release Issue Date: Jan 20, 2023
 
Huma ħafna l-kunsilli lokali li qed igawdu minn fondi tal-Aġenzija LESA investiti fi proġetti tanġibbli fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Dan qed iseħħ permezz ta' skemi li qed toħroġ il-LESA wara ftehim iffirmat mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Eżempju ta' dawn l-investimenti huwa l-inawgurazzjoni ta' vettura elettrika li se tintuża b'mod partikolari għar-residenti anzjani u b'diżabilità fil-Furjana. Dan l-investiment ta' €35,000 fil-Furjana huwa wieħed mill-proġetti ta' €3.4miljun f'60 kunsill lokali u reġjonali.

Għall-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Sindku tal-Furjana Vincent Borg.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li proġetti bħal dan li ġie inawgurat fil-Furjana huma miżuri tanġibbli li jolqtu direttament lis-soċjetà tagħna, f'dan il-każ b'mod partikolari lill-anzjani tal-lokalità u lir-residenti b'diżabilità jew vulnerabbli oħrajn. Semma li dawn l-iskemi tal-LESA, mill-flus iġġenerati minn taħrikiet, għandhom jibqgħu jiġu sostnuti bi sħab mal-kunsilli lokali. Dr Camilleri żied jgħid li permezz ta' dawn il-fondi, ir-residenti Furjaniżi issa ser jirċievu servizz addizzjonali filwaqt li permezz ta' dawn l-inizjattivi tal-LESA, iżjed kunsill lokali se jkunu qed iwettqu proġetti tanġibbli fil-komunitajiet tagħna li minnhom igawdu primarjament ir-residenti ta' dik il-lokalità.

Filwaqt li faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Furjana talli investa fondi addizzjonali għax-xiri ta' vettura tal-elettriku, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-gvern kommess li jkompli jiffinanzja lill-kunsilli lokali permezz ta' skemi li jtejbu ħajjet ir-residenti. “Huwa dritt ta' kull persuna, b'mod speċjali tal-anzjani u tal-vulnerabbli, li jkollhom aċċess faċli għas-servizzi neċessarji ta' kuljum".

Is-Sindku tal-Furjana, Vincent Borg, qal li bħala kunsill lokali ħassew il-ħtieġa li jinvestu f'din il-vettura, hekk kif il-popolazzjoni tal-Furjana qed issir aktar anzjana. Qal ukoll li b'dan l-investiment se jkunu qegħdin f'pożizzjoni aħjar li jassistu lir-residenti Furjaniżi fil-qadi ta' kuljum.

Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores, u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Furjana, Malcolm Agius.

Is-servizz se jidħol fis-seħħ mill-Ġimgħa 20 ta' Jannar u biex wieħed jagħmel użu mis-servizz għandu jċempel fuq 21235523 jew jibgħat email fuq floriana.lc@gov.mt​ mhux aktar tard minn jumejn qabel (ġranet ta' xogħol).