STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Is-sistema ta’ sigurtà diġitali tal-eID imsaħħa b’two-factor authentication
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Is-sistema ta’ sigurtà diġitali tal-eID imsaħħa b’two-factor authentication

Reference Number: Pr230072, Press Release Issue Date: Jan 17, 2023
 
Sigurtà addizzjonali biex tipproteġi l-informazzjoni tal-individwi

Minn dan ix-xahar, is-sistema ta' sigurtà diġitali tal-identità elettronika (eID) se tiġi msaħħa sabiex tkompli tipproteġi l-identità tad-detenturi kollha li għandhom kont tal-eID, fejn se tkun qed tiġi implimentata two-factor authentication (2FA) sabiex tkompli tiżdied is-sigurtà. It-2FA tintuża sabiex jiġi żgurat li l-persuna li qed tipprova taċċessa l-kont online hija verament dik il-persuna.

It-2FA se tiġi implimentata f'diversi fażijiet u skont l-età, bl-ewwel fażi tkun għall-individwi li għandhom bejn l-14 u s-16-il sena. Id-detenturi tal-kont tal-eID se jkunu qegħdin jiġu notifikati meta se jkun imisshom li jattivaw it-2FA u sa meta t-2FA trid tkun attivata.

Sabiex jiġi attivat it-2FA, id-detenturi tal-kont tal-eID għandhom jidħlu fuq eid.gov.mt fejn l-ewwel iridu jawtentikaw l-email tagħhom billi jdaħħlu l-kodiċi ta' verifika li jintbagħat fl-indirizz tal-email tagħhom. Wara li jiġi attivat, se jingħataw l-għażla kif għandhom jirċievu l-kodiċi ta' verifika meta jidħlu fil-kont tal-eID, jew permezz tal-email, SMS, jew l-App Authenticator. L-Aġenzija Identità Malta se tkun qed tinforma wkoll lill-pubbliku, permezz tal-mezzi tal-media soċjali tagħha u oħrajn, billi tipprovdi linji gwida dwar kif persuna għandha tattiva t-2FA.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li din is-sistema ta' 2FA hi bżonnjuża sabiex tkun assigurata l-protezzjoni tal-informazzjoni ta' persuni li jagħmlu użu mill-eID. Huwa kompla jispjega kif dan il-mezz ta' verifikazzjoni se jkompli jsaħħaħ l-isforzi kontra s-serq tal-identità online u l-eliminazzjoni ta' attivitajiet frodulenti.

“Is-sigurtà nazzjonali hija prijorità assoluta għal din l-aġenzija u għalhekk se jkompli jkun żgurat li din il-ħidma tibqa' tiġi msaħħa permezz ta' iżjed mezzi fl-iżvilupp tat-teknoloġija," temm jgħid Dr Camilleri.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta, il-Kurunell Mark Mallia enfasizza fuq il-benefiċċji li detenturi ta' kont tal-eID se jkunu qed jirċievu bħala riżultat tat-2FA. Spjega li din il-proċedura tnaqqas b'mod sinifikanti s-serq tal-identità u forom oħra ta' frodi online.

Il-Kurunell Mallia sostna li l-protezzjoni tas-serq tal-identità hija essenzjali. Huwa kompla li permezz tal-introduzzjoni tal-karta tal-eID il-ġdida Maltija, li hija mtejba b'diversi karatteristiċi ta' sigurtà, u l-protezzjoni tal-identità taċ-ċittadini u tar-residenti Maltin permezz tat-2FA, dan jafferma mill-ġdid l-impenn tal-aġenzija li tħares lill-klijenti tagħha.

Dan huwa pass ieħor lejn it-tisħiħ tas-servizzi kollha li jingħataw online, li se jagħti s-serħan tal-moħħ lid-detenturi tal-kont tal-eID li jkomplu jirċievu s-servizzi diġitali tal-Gvern b'mod mill-aktar iffaċilitat, effiċjenti u sigur permezz ta' pjattaformi online.

L-Aġenzija Identità Malta se tkompli taħdem mill-qrib ma' Servizz.gov biex tistabbilixxi aktar kooperazzjoni u tikkonsolida id-diversi servizzi tal-gvern offruti b'mod diġitali, sabiex tiffaċilita aħjar l-aċċessibbiltà għas-servizzi kollha provduti.​