Waqt is-summit Med5 li sar illum f'Malta, il-ministri tal-intern, tal-migrazzjoni u tal-ażil ta' Malta, tal-Greċja, tal-Italja u ta' Spanja, u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern ta' Ċipru, ħames pajjiżi li jaqsmu l-istess realtajiet u sfidi fejn jidħlu l-migrazzjoni ul -ażil, qablu dwar pożizzjoni komuni għall-Kunsill tal-Affarijiet Interni li se jsir il-ġimgħa d-dieħla fi Brussell.
Fis-summit li sar bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, ipparteċipaw ukoll il-ministru għall-migrazzjoni tal-Iżvezja, li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, u d-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-FRONTEX.
Waqt is-summit ministerjali ta' livell għoli li sar is-Sibt filgħodu, il-ministri affermaw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom biex jintlaħaq bilanċ bejn il-qsim ġust tar-responsabbiltajiet tal-istati membri u l-ħtieġa ta' solidarjetà li ttaffi b'mod effettiv il-piż fuq l-istati membri, b'mod partikolari permezz tat-twaqqif ta' qafas permanenti u mekkaniżmu obbligatorju ta' solidarjetà. Il-ministri qablu wkoll li jeħtieġ issir aktar ħidma fuq livell Ewropew biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari, bil-ħsieb li jiġi evitat it-telf ta' ħajjiet fuq il-baħar, kif ukoll l-abbuż tal-migranti mill-kuntrabandisti.
Il-ministri enfasizzaw li l-migrazzjoni irregolari hija sfida Ewropea u internazzjonali; li għandha tiġi trattata bħala tali. Għalhekk, qablu dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu sabiex jisfaxxaw in-networks tal-kuntrabandu. Barra minn hekk, f'konformità mal-politika dwar il-migrazzjoni ta' Malta, il-MED5 qabel dwar il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu ritornati dawk li ma ngħatalhomx l-ażil u ċittadini oħra ta' pajjiżi terzi li m'għandhom l-ebda dritt legali li jibqgħu fl-Unjoni, bħala pilastru ewlieni tal-politika tal-migrazzjoni tal-Unjoni.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru Byron Camilleri flimkien mal-Ministru Notis Mitarachi tal-Greċja, il-Ministru Matteo Piantedosi tal-Italja, il-Ministru Fernando Grande-Marlaska ta' Spanja, u Dr Costas Constantinou, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern ta' Ċipru, iffirmaw dikjarazzjoni konġunta. Matul il-konferenza tal-aħbarijiet li saret fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru Camilleri enfasizza l-ħtieġa li nżidu l-isforzi tagħna fil-prevenzjoni tal-wasliet irregolari billi nindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u nipprovdu lill-pajjiżi ewlenin ta' tranżitu bir-riżorsi u l-assistenza meħtieġa fir-rigward tas-sorveljanza tal-fruntieri u l-bini tal-kapaċitajiet. Il-Ministru fakkar ukoll fl-importanza li jkun hemm sistema ta' ritorn effettiva, li tibqa' l-qofol ta' politika ta' migrazzjoni soda u ġusta.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li filwaqt li l-istati membri u l-UE kisbu progress fl-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari, għad irid isir ħafna aktar sabiex jiġi indirizzat dan il-fenomenu.