Fl-okkażjoni ta' Jum il-Mara, il-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa organizza diskussjoni bit-tema 'Future Driven – Empowering Young Voices for Women's Rights' li ġabret flimkien diversi rappreżentanti ta' għaqdiet non-governattivi fis-settur, esperti u żgħażagħ. It-tema, li ntgħażlet b'referenza għat-tema tan-Nazzjonijiet Magħquda għal Jum Internazzjonali tal-Mara 2023 'DigitALL: Innovation and technology for gender equality,' qanqlet diskussjoni interessanti fost il-parteċipanti li lkoll tkellmu dwar l-opportunitajiet u l-isfidi li jeżistu b'rabta ma' teknoloġija ġdida u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Diversi kelliema saħqu fuq il-bżonn ta' aktar nisa li jaħdmu fis-settur tax-xjenza u fuq l-edukazzjoni STEM b'mod partikolari. Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili esprimew il-ħtieġa li l-pajjiż jiffoka aktar fuq taħriġ u l-promozzjoni ta' suġġetti li tradizzjonalment huma assoċjati mill-irġiel. Ġiet diskussa wkoll il-pjaga tal-vjolenza domestika u l-inizjattivi li jeħtieġ jittieħdu sabiex kull mara tkun ħielsa mill-vjolenza.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg irrimarkat li dawn it-temi huma fil-qalba tal-politika tal-Gvern Malti. Fid-diskors tagħha hi rreferiet għall-ħidma tal-gvern li saret sabiex iżżid ir-rappreżentanza tan-nisa f'kull qasam tas-socjetà, b'mod partikolari fil-Parlament permezz tal-mekkaniżmu korrettiv li daħal fis-seħħ għall-ewwel darba f'din il-leġiżlatura.
Is-Segretarju Parlamentari semmiet ukoll kif ftit tax-xhur ilu tnediet l-ewwel strateġija dwar il-mainstreaming tal-ġeneru, li għandha l-għan illi telimina d-diskriminazzjoni bejn is-sessi. L-istrateġija tiffoka fuq tmien punti li jinkludu l-introduzzjoni ta' mainstreaming tal-ġeneru fid-dinja tax-xogħol, il-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni. Hi kkonkludiet billi tenniet l-impenn tal-gvern li jkompli jaħdem b'mod sistematiku sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi issir realtà u l-bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel jintlaħaq kemm fid-dar u fil-ħajja privata u kif ukoll fuq il-post tax-xogħol u l-ħajja pubblika.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv, Charmaine Mangion, saħqet fuq l-irwol importanti li għandu dan il-kunsill, dak li jipproteġi u jirrappreżenta kull mara u tifla fis-soċjetà. “Il-fatt li dan il-kunsill konsultattiv jiġbor fih numru kbir ta' NGOs, b'kompetenza u esperjenzi varji, jagħmilha possibbli li jiġu ifformulati rakkomandazzjonijiet għall-gvern, sabiex il-policies implimentati jkollhom effett aktar b'saħħtu biex jgħinu fit-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa."