STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Il-Ministru Byron Camilleri jattendi l-Kunsill tal-Ministri tal-Intern fi Brussell
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Il-Ministru Byron Camilleri jattendi l-Kunsill tal-Ministri tal-Intern fi Brussell

Reference Number: PR230363, Press Release Issue Date: Mar 09, 2023
 
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri attenda għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern fi Brussell. Il-laqgħa ffukat fuq il-migrazzjoni u l-ażil, iż-żona Schengen u s-sigurtà interna. Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Camilleri ppreżenta l-pożizzjoni konġunta li ġiet maqbula waqt il-laqgħa tal-Med5, li saret f'Malta fit-3-4 ta' Marzu.​​

Id-dimensjoni esterna u interna tal-migrazzjoni kienu fuq ta' quddiem fl-aġenda. Waqt id-diskussjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil, il-Ministru Camilleri enfasizza l-importanza li jiżdiedu l-isforzi sabiex jiġu evitati t-tluq u l-wasliet irregolari billi jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni f'pajjiżi terzi;  jiġu sfaxxati n-networks tal-kuntrabandu; u l-pajjiżi ewlenin jiġu pprovduti bir-riżorsi u l-assistenza meħtieġa fir-rigward tas-sorveljanza tal-fruntieri u l-capacity building. Sforzi bħal dawn, qal il-Ministru Camilleri, jgħinu wkoll biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jwasslu għal telf ta' ħajjiet fil-baħar, bħat-traġedja li ġrat fil-kosta tal-Kalabrija.

Il-Ministru Camilleri saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jintbagħat messaġġ qawwi li l-abbuż tas-sistema permezz ta' mogħdijiet irregolari ma jsarraf xejn, u li kommessi fil-ġlieda tagħna kontra l-kuntrabandu tal-migranti.

Dwar id-dimensjoni interna, il-Ministru Camilleri enfasizza l-ħtieġa li jkun hemm sistema ġusta u li taħdem, u appella għal darb'oħra għal mekkaniżmu ta' solidarjetà permanenti u obbligatorju li jaħdem fil-prattika, u li effettivament itaffi l-piż fuq l-istati membri l-aktar milquta mill-flussi. Il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza li jkollna sistema ta' ritorn effettiva, li tibqa' waħda mill-pilastri ewlenin għal politika ta' migrazzjoni soda u kredibbli, għax mingħajrha s-sistema interna ma tiffunzjonax.

Waqt il-laqgħa ġie diskuss ukoll l-istat ġenerali taż-Żona Schengen bil-ħsieb li jkun hemm politika tal-viża aktar robusta. Il-Ministri ddiskutew ukoll l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna b'enfasi fuq aspetti ta' sigurtà.​