STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Malta tipparteċipa fil-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tan-Nazzjonijiet Magħquda
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Malta tipparteċipa fil-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tan-Nazzjonijiet Magħquda

Reference Number: PR230370, Press Release Issue Date: Mar 10, 2023
 
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg attendiet għas-67 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Kummissjoni dwar is-Sigurtà tan-Nisa fi ħdan il-Ġnus Magħquda, fi New York.

It-tema magħżula għal din is-sena – 'Innovation and technological change, and education in the digital age for achieving gender equality and the empowerment of all women and girls' – ġabret flimkien bosta kelliema minn 180 pajjiż u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili minn madwar id-dinja. Malta tenniet l-impenn tagħha biex tibqa' dejjem tippromwovi politika favur l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni tan-nisa.

F'isem il-Gvern Malti, is-Segretarju Parlamentari indirizzat laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar in- Nisa, Paċi u s-Sigurtà fejn tkellmet kif kull pajjiż huwa fid-dmir li jipproteġi lin-nisa, u kkundannat bis-sħiħ il-kultura patrijarkali li twassal għal vjolenza fuq in-nisa. Hija rreferiet ukoll għall-ewwel pjan t'azzjoni nazzjonali dwar in-nisa, paċi u sigurtà li għandha Malta bl-għan li jwassal għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. 

Bħala parti mill-avvenimenti ta' Jum il-Mara, Malta organizzat diskussjoni dwar il-femiċidju, b'kollaborazzjoni mal-entità UN Women, Ċipru u l-Arġentina. Id-diskussjoni serviet bħala pjattaforma biex titqajjem aktar kuxjenza dwar ir-reat tal-femiċidju li qed jolqot eluf ta' nisa kull sena madwar id-dinja kollha. Is-Segretarju Parlamentari spjegat kif pajjiżna daħħal fis-seħħ abbozz ta' liġi li jħarrex il-pieni meta l-qtil ikun meqjus bħala femiċidju. Hija sostniet li l-għan tal-bidliet leġislattivi ma kinux biss biex isiru l-emendi neċessarji fil-liġi, iżda biex jintbagħat messaġġ b'saħħtu kontra l-vjolenza fuq in-nisa.

Matul diversi laqgħat, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg elenkat numru ta' miżuri li daħħal il-Gvern Malti f'dawn l-aħħar snin sabiex jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Hija wasslet il-messaġġ li dawn il-miżuri ddaħlu grazzi għall-viżjoni femminista tal-gvern. Dawn il-miżuri wasslu sabiex f'dawn l-aħħar snin żdiedet b'mod konsiderevoli r-rata ta' nisa fid-dinja tax-xogħol. Filwaqt li s-Segretarju Parlamentari rrikonoxxiet li f'dan il-qasam fadal ħafna aktar xogħol xi jsir, l-ambizzjoni tal-gvern għal Malta ugwali wasslet ukoll sabiex issir ħidma biex jiżdiedu n-numru ta' nisa fil-Parlament Malti.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigeg kellha wkoll laqgħa mal-LGBTI Core Group tan-Nazzjonijiet Magħquda, fejn magħhom iddiskutiet il-kisbiet ta' Malta f'dan il-qasam u l-prijoritajiet għall-futur, fosthom il-preparamenti għal Europride f'Settembru li ġej. ​​

​​