STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U L-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Konferenza bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit dwar l-infurzar tal-liġi u l-koperazzjoni ġudizzjarja
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U L-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Konferenza bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit dwar l-infurzar tal-liġi u l-koperazzjoni ġudizzjarja

Reference Number: PR230386, Press Release Issue Date: Mar 14, 2023
 
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard indirizzaw konferenza bilaterali dwar l-infurzar tal-liġi u l-koperazzjoni ġudizzjarja organizzata mill-Kummissjoni Għolja Ingliża bl-għajnuna tal-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-konferenza tlaqqgħet fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija.

Il-konferenza ġiet organizzata sabiex tkompli ssaħħaħ l-koperazzjoni kontinwa fir-rabtiet professjonali bejn Malta u r-Renju Unit fl-oqsma tal-pulizija u dawk prosekuzzjonali. Il-konferenza ffukat ukoll, fost l-oħrajn, fuq is-saltna tad-dritt, id-difiża, is-sigurtà u oqsma strateġiċi oħra li joħorġu mill-ftehim ta' koperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru Byron Camilleri tenna li dan il-ftehim ġie imsaħħaħ waqt iż-żjara li għamel ix-xahar li għadda s-Segretarju tal-Istat Ingliż għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth u l-Iżvilupp James Cleverly. Iż-żjara kienet stabbiliet il-koperazzjoni mill-qrib li teżisti f'livell bilaterali iżda anke fil-qafas tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fejn iż-żewġ pajjiżi qed iservu. Fid-diskors tiegħu l-Ministru Camilleri rrefera wkoll għat-tradizzjoni komuni b'saħħitha bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma tas-sigurtà u l-Pulizija.

“Il-Korp tal-Pulizija, wieħed mill-pilastri ewlenin tas-sigurtà f'Malta, bħalissa għaddej minn trasformazzjoni biex jirrifletti aħjar il-ħtiġijiet ta' soċjetà moderna, dinamika u li għadha qed tevolvi. Din l-istrateġija ta' trasformazzjoni qed tiġi mwettqa ukoll permezz ta' koperazzjoni kontinwa bejn l-awtoritajiet Ingliżi u Maltin, bil-Pulizija tal-Komunità jkunu xhieda ċara ta' din il-koperazzjoni," tenna l-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Jonathan Attard qal li Malta u r-Renju Unit għandhom storja twila u b'saħħitha ta' koperazzjoni u kollaborazzjoni  fl-oqsma kollha, partikolarment  fis-sistema parlamentari u fil-koperazzjoni ġudizzjarja.  Il-Ministru Attard tkellem ukoll dwar il-Ftehim Kummerċjali u Koperazzjoni li jaħseb biex iżid l-abbiltà taż-żewġ pajjiżi biex jiġġieldu kontra l-kriminalità u t-terroriżmu kif ukoll jiffaċilita investigazzjonijiet transkonfinali u proċeduri ta' estradizzjoni.

“B'dan il-ftehim, ir-Renju Unit u Malta qed jikkoperaw f'firxa ta' oqsma ta' infurzar tal-liġi u ġudizzjarji fosthom skambju ta' informazzjoni u ġbir ta' tagħrif, il-qsim ta' kompetenzi, taħriġ u l-għoti ta' assistenza legali reċiproka. Il-ftehim huwa wkoll għodda kruċjali għaż-żewġ pajjiżi biex ikun hemm trasferiment spedit u effiċjenti ta' individwi li jkunu mfittxija għal atti kriminali f'wieħed miż-żewġ pajjiżi," tenna l-Ministru Attard.

Waqt il-konferenza rappreżentanti minn diversi aġenziji u awtoritajiet Ingliżi, bħal Crown Prosecution Service, in-National Crime Agency, l-ICCC and il-UK Central Authority, kif ukoll l-Avukat Ġenerali Malti ddiskutew diversi temi fejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jikkordinaw u jikkollaboraw dwarhom.

Il-Kummissjoni Għoli Ingliża Katherine Ward raddet ħajr l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Korp tal-Pulizija u ż-żewġ ministeri tal-kollaborazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni Għolja. Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Avukat Ġenerali attendew ukoll għal konferenza. ​​​